BEJN / BETWEEN, ġabra ta’ poeżija bil-Malti ta’ Antoine Cassar

Ritratt meħud fit-triq lejn Maras, il-Perù, Novembru 2009Nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Diċembru, fil-Maħżen XII tal-Imdina, tnieda l-ktieb Bejn / Between, ġabra ta’ poeżija bil-Malti ta’ Antoine Cassar, bi traduzzjoni parallela bl-Ingliż tal-awtur, Éire Stuart u Alex Vella Gera.

F’serata parteċipattiva, tmien awturi mistednin (Adrian Grima, Albert Gatt, Clare Azzopardi, Claudia Gauci, Keith Borg, Kevin Saliba, Kit Azzopardi u Noel Tanti) qraw poeżija tal-għażla tagħhom mill-ktieb ta’ Cassar, segwita minn silta minn xogħolhom stess fi djalogu mat-test magħżul. Minbarra l-qari, sar adattament teatrali tal-poeżija twila The Long Rope mill-atturi Éire Stuart u Jacob Piccinino, u kien hemm mużika ta’ Robert & Francesco (Plato’s Dream Machine) u Mario Vella, Michael Galea & d-Delli, b’dewqa żgħira ta’ Trabokk, l-album il-ġdid tal-Brikkuni li se jiġi ppreżentat il-11 ta’ Frar.

Maqsumin f’erba’ taqsimiet, il-poeżiji ta’ Bejn jistħarrġu firxa wiesgħa ta’ temi u esperjenzi, b’ritmi li mis-sollenni u n-nostalġiku jaqilbu għall-passjonali u kultant anki għan-niggieżi, b’attenzjoni istintiva għall-qabża minn fuq l-abjad tal-paġna għall-enerġija mleħħna ta’ fuq il-palk. F’tiftixa siebra ta’ bilanċ bejn il-ħlewwa u l-imrar tal-espressjoni personali u bejn il-ġenerożità u r-rabja tal-espressjoni kollettiva, il-versi ta’ ħbiberija, imħabba, u tgħarbil nevrotiku tat-tifkiriet jintgħaġnu ma’ għadd ta’ ġrajjiet imġarrba mill-awtur mill-bogħod kif ukoll mill-qrib, fosthom it-treni sploduti ta’ Madrid fl-2004, il-bombi mxewilħa fuq Gaża f’Jannar tal-2009, u t-terremot li heżżeż il-belt ta’ L’Aquila fl-istess sena. Bħala lejtmotiv tal-ktieb, is-seħer tal-mapep mutraba moqrija għal għonq it-triq ma jżommx lura mir-ritorn, itineranti dejjem, għall-arja mielħa tar-raħal Mediterran u għax-xefaq imberraħ tal-irdumijiet ta’ taħt l-Imnajdra.

Fi kliem Immanuel Mifsud, “Antoine Cassar huwa poeta b’żewġ ċittadinanzi: Maltija u planetarja. Tal-ewwel iżżommu f’Malta anki meta l-passaport tiegħu jimtela b’timbri minn kull naħa tal-globu; tat-tieni tagħmlu vjaġġatur boem li jibqa’ jħuf fit-toroq dojoq tar-raħal fejn għexu u mietu nannietu. L-ajruplan ta’ Cassar m’għandux mistrieħ: itir anki meta jkun wieqaf fuq il-mitjar tal-Gudja, ta’ Frankfurt, ta’ Heathrow u ta’ min jaf fejn aktar; l-istess kif id-dgħajsa tiegħu tbaħħar qabel ma ssalpa lejn Filfla jew Saranda; u l-ferrovija li titlaq minn Għawdex lejn Vladivostok. Bejn jispiċċa l-itinerarju miġnun ta’ Malti ta’ barra, u ta’ barrani ta’ ġewwa.

Uħud mill-poeżiji ta’ Bejn dehru tradotti f’antoloġiji barranin u qegħdin jidhru bil-Malti oriġinali għall-ewwel darba, fosthom Erba’ blatiet, deskrizzjoni lirika tal-forom tal-gżejjer Maltin li nqrat il-Lussemburgu, Grenoble, Struga (il-Maċedonja) u Washington DC, kif ukoll siltiet bħal Il-poeżija u Meta binti tieqaf tibki, li nqalbu għall-Gallego, is-Sloven, il-Mandarin u l-Ġappuniż. Il-ktieb jinkludi wkoll verżjoni riveduta ta’ Jum ir-Riflessjoni, poeżija psewdo-satirika miktuba fi żmien l-elezzjonijiet tal-2008, wara li dehret bl-istrofi mħarbta fil-ħarġa LXXX tar-rivista Il-Malti.

Mamta Sagar taqra t-traduzzjoni tagħha, bil-lingwa Kannada, tal-poeżija 'Ċomb' (dwar il-bombi mxewilħa fuq Gaża f’Jannar tal-2009), waqt 'Kaavya Sanje', serata ta' poeżija fir-Ramgoli Metro Art Centre, Bangalore, l-Indja, 15.8.2013.

Mamta Sagar taqra t-traduzzjoni tagħha, bil-lingwa Kannada, tal-poeżija 'Ċomb' (dwar il-bombi mxewilħa fuq Gaża f’Jannar tal-2009), waqt 'Kaavya Sanje', serata ta’ poeżija fir-Ramgoli Metro Art Centre, Bangalore, l-Indja, 15.8.2013.

ritratt © Stanislav LvovskyImwieled Londra minn ġenituri Maltin fl-1978, Antoine Cassar trabba bejn l-Ingilterra, Malta u Spanja, u studja u ħadem bejn l-Italja, Franza u l-Lussemburgu. Fl-2004, wara tlettax-il sena ’l bogħod mill-gżejjer, irritorna lejn il-Qrendi, raħal familtu, biex jerġa’ jitgħallem ilsien li kien għoddu nsieh. Kittieb ta’ poeżija bil-Malti, bl-Ingliż u multilingwi, fl-2008 ħa sehem fil-Biennale des Jeunes Créateurs de l'Europe et la Méditerranée f’Bari, u qara l-poeżija tiegħu ma’ Nabil Salameh tal-grupp mużikali Italo-Palestinjan Radiodervish. Il-ktieb Mużajk, an exploration in multilingual verse (Skarta, 2008) ġie ppreżentat fil-Fiera tal-Kotba ta’ Leipzig u fil-festivals ta’ poeżija ta’ Kopenħagen u Berlin. Fl-2009, il-kompożizzjoni Merħba, a poem of hospitality ngħatat il-Premju United Planet. Passaport (2009), mitbugħ fil-forma ta’ anti-passaport għal kull poplu u għal kull pajsaġġ, ġie ppubblikat u ppreżentat f’diversi lingwi, f’għadd ta’ bliet tal-Ewropa u tal-Ażja, bid-dħul jingħadda lil għaqdiet lokali li jipprovdu għajnuna lir-rifuġjati u lill-applikanti għall-ażil.

Bejn, l-ewwel ġabra ta’ poeżija Maltija ta’ Antoine Cassar, huwa ppubblikat minn Edizzjoni Skarta, inizjattiva indipendenti li twaqqfet fl-2007, u rebbieħa ta’ tliet premji nazzjonali tal-ktieb tul l-aħħar erba’ snin (Riħ min-Nofsinhar, Id-Demm Nieżel bħax-Xita, u Leħnek il-Libsa Tiegħi). Il-ktieb huwa ddisinjat minn Rafael Rivera, u jinkludi illustrazzjoni mill-artista Helga Portanier.

Bejn / Between, u kotba oħrajn ta’ Cassar, jistgħu jinxtraw fuq l-internet mingħand Sierra Books. F’Malta u Għawdex, il-kotba jitwasslu d-dar mingħajr spejjeż żejda.

Volantun ta' Rafael Rivera. Ikklikkja biex tarah sħiħ

Volantun ta’ Rafael Rivera. Ikklikkja biex tarah sħiħ

Advertisements

About antoinecassar

Poet, translator, editor, activist http://antoinecassar.info http://passaportproject.org http://mondepasrond.org
This entry was posted in Uncategorized and tagged , , , , . Bookmark the permalink.