Għal għonq it-triq #3: Stedina, ta’ Nâzım Hikmet

Wara l-Maċedonja u l-Arġentina, naqbżu sat-Turkija. F’din il-kolonna, il-ħsieb mhuwiex biss li naqleb poeżiji t’awturi li ltqajt magħhom fid-demm u fil-laħam, iżda wkoll ta’ poeti li skoprejt fil-karta u fil-linka, għal għonq it-triq imserrpa u imprevedibbli minn ktieb għal ktieb.

Gezi yogaDil-ġimgħa kelli mmur sa Istanbul mal-għarusa, sempliċement fuq vaganza, iżda minħabba raġunijiet familjari u proġetti oħra, ipposponejna l-btala sa wara s-sajf. Imn’alla, għidt bejni u bejn ruħi ftit tal-jiem ilu. Illum, iżda, nixtieq li bqajna bil-pjan li kellna… mhux biex nieħdu sehem fir-rewwixta – tal-anqas mhux dik ta’ Misraħ Taksim – iżda għax mill-aħbarijiet li qed jasluli, għaddejjin forom oħra ta’ protesti, bil-wisq iktar kreattivi, fil-park ta’ Gezi, fejn kien beda kollox il-ġimgħa l-oħra. Hande Sogancilar, attivista Torka u waħda mill-organizzaturi tal-Migrant Solidarity Kitchen, ilbieraħ xerrdet ritratt ta’ grupp imdaqqas ta’ nies “jokkupaw” il-park ta’ Gezi… b’sessjoni ta’ yoga. “Look at these ruthless terrorists!”, ikkummentat Hande, b’referenza diretta għall-akkużi ħerġin minn fomm Erdoğan, flimkien mal-verb chappule – kelma li, milli nista’ nifhem, ma tinqalibx malajr f’ilsna oħra (definizzjoni hawn isfel).

chappule

Gezi libraryIllum, Hande tellgħet ritratt ieħor, għalija isbaħ minn tal-bieraħ: librerija spontanja, bil-brikks u t-twavel, li armaw dalgħodu fl-istess park. Eżempju tajjeb taċ-chappule Tork – kotba flok gass tad-dmugħ! Dlonk ftakart fl-għexieren ta’ stands ta’ kotba li kont ninzerta fit-toroq ta’ Istanbul meta żortha 6 snin ilu (qalb dawk tal-qamħirrum, tal-patata mixwija, tar-rummien, biex ma nsemmix il-fwieħa ta’ ħut moqli li tilqgħek hekk kif taqsam il-Bosfru mix-xaqliba Ażjatika…). Kollha kellhom xi kotba ta’ poeżija, u l-biċċa l-kbira minnhom kellhom poeżija tradotta, sew lejn it-Tork (Neruda, Rimbaud, Eliot, sal-Canzoniere sħiħ ta’ Petrarca…), u sew mit-Tork lejn il-Franċiż, l-Ingliż u ilsna oħra. L-ewwel fost il-poeti Torok tradotti bla dubju kien Nâzım Hikmet. Saqsejt lil Hande, b’nofs imħatra, jekk fil-librerija ta’ Gezi għandhomx xi kotba ta’ Hikmet… ftit minuti wara wieġbet minn ġol-park stess. I just checked, yes they have 🙂 Ħeqq, kienet ovvja.

NazimHikmetRanIl-ġelbien liriku u sinċier tal-poeżija ta’ Nâzım Hikmet (1902-1963) diffiċli ssib bħalu. Jiddeskrivuh bħala komunist / rivoluzzjonarju romantiku, imma l-umaniżmu ta’ vrusu – minkejja jew aktarx minħabba t-tiġrib personali minn ħabs għall-ieħor u eżilju għall-ieħor – jisboq bil-kbir kull xeħta ta’ ideoloġija politika. Aqraw (jew isimgħu – hemm rekordings tajbin ta’ leħnu fuq lyrikline), pereżempju, il-poeżiji Angina Pectoris, Great Humanity, jew waħda mill-favoriti nett tiegħi, Things I Didn’t Know I Loved, miktuba fuq it-tren bejn Praga u Berlin, fl-1962 – sena qabel miet, ħabta u sabta, f’Moska, fejn għadu jistrieħ sal-lum.

Direnis HatirasiAngina Pectoris ċert li qlibtha bil-Malti ftit tas-snin ilu, imma mhux qed insibha fl-arkivji, x’aktarx bqajt ma ttajpjajthiex. F’kull każ, hemm poeżija oħra ta’ Hikmet li ftakart fiha, forsi iktar relevanti fil-kuntest tal-lum. Davet (Stedina) tidher patrijottika, u nistħajjel li, maż-żmien, ġiet abbużata kemm-il darba minn ċerti naħat tal-ispettru politiku Tork. Hemm differenza, ovvjament, bejn patrijottiżmu uman bħala reżistenza kontra l-moħqrija, u bejn patrijottiżmu bħala razziżmu b’bandiera. Xorta, jekk ngħid li t-traduzzjoni Maltija ta’ Stedina hija b’ġest ta’ solidarjetà mad-dimostranti Torok, inkun qed nissogra li ninftiehem ħażin. Allura, nieħu pass lura, u flok il-kliem faċli dwar is-solidarjetà, din il-verżjoni Maltija tal-istedina ta’ Hikmet tmur bħala omaġġ, u espressjoni ta’ ammirazzjoni, lejn iċ-chappulaturi tal-park ta’ Gezi: l-artisti viżivi, l-atturi tat-triq, id-dilettanti tal-yoga, dawk li armaw il-librerija, u l-qarrejja tagħhom.

Ħiereġ bil-ġirja mill-Ażja mbiegħda / sa jisporġi fuq il-Mediterran, / dan il-pajjiż qisu ras ta' debba...

Ħiereġ bil-ġirja mill-Ażja mbiegħda / sa jisporġi fuq il-Mediterran, / dan il-pajjiż qisu ras ta’ debba…

Stedina ftakart fiha wkoll għax tibda b’waħda mill-isbaħ metafori kartografiċi li qatt qrajt (li torbot mal-proġett tal-Atlas, li bħalissa jinsab fuq pawża). It-traduzzjoni tiegħi hija bbażata fuq diversi verżjonijiet bl-Ingliż – Yusuf Eradam, Taner Baybars, u oħrajn inqas awtorevoli u bla isem, iżda utli xorta. L-oriġinal ma jinsabx fuq lyrikline, iżda hemm verżjoni sabiħa ħafna tal-pjanist Fazıl Say (hawn isfel, b’sottotitli tal-poeżija bl-Ingliż). Dan hu l-istess pjanist Tork li, inqas minn xahrejn ilu, qala’ sentenza ta’ sena ħabs minħabba blasfemja. Qed nieħu gost naqra issa li dik is-sentenza ġiet sospiża, anki jekk “bil-kundizzjoni li ma jerġax iwettaq l-istess reat għal perjodu ta’ 5 snin“. (Min jaf, intant, kemm dagħa qiegħed jinstema’ bħalissa f’Misraħ Taksim…)


Stedina

Ħiereġ bil-ġirja mill-Ażja mbiegħda
sa jisporġi fuq il-Mediterran,
dan il-pajjiż qisu ras ta’ debba
huwa tagħna.

Polzi fid-demm, imgħażża s-snien, ħafjin
fuq din l-art li tixbah tapit tal-ħarir,
dan l-infern, din il-ġenna
hija tagħna.

Agħlquhom il-bibien tal-plutokrazija, żommuhom magħluqin,
l-ebda bniedem imjassar mill-bniedem!,
din l-istedina
hija tagħna.

Ah, li ngħixu bħas-siġra, waħda u ħielsa
iżda f’masġar tal-aħwa,
din ix-xenqa
hija tagħna.

Advertisements

About antoinecassar

Poet, translator, editor, activist http://antoinecassar.info http://passaportproject.org http://mondepasrond.org
This entry was posted in Uncategorized and tagged , , , , , , , . Bookmark the permalink.

8 Responses to Għal għonq it-triq #3: Stedina, ta’ Nâzım Hikmet

  1. jeanpaul1980 says:

    Se nkun hemm il-Ħamis mhux għada imma ta’ wara…. qabbadli aktar l-aptit…. kont ftit inkwetat għall-bidu imma issa għandi biss eċitament.

  2. kiwiskan says:

    I do not understand your language – but I do understand that desire for freedom

  3. Jean Paul, il-vjaġġ it-tajjeb, żommna infurmati fuq x’inhu għaddej fil-park ta’ Gezi!

    Kiwiskan, thanks for sharing.

  4. Thanks dear Antoine, I am grateful for your support!
    Müesser Yeniay

  5. Pingback: Map of Turkey / Mappa tat-Turkija | Antoine Cassar

  6. Pingback: Poem in Solidarity 58: Mappa tat-Turkija / Map of Turkey | Solidarity Park Poetry

  7. Pingback: Poem in Solidarity 59: Mappa tat-Turkija / Map of Turkey | Solidarity Park Poetry

  8. Pingback: Poem 59 in Solidarity: Mappa tat-Turkija / Map of Turkey | Solidarity Park Poetry

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s