Għal għonq it-triq #5: Maħbubin fuq Aran, ta’ Seamus Heaney

Seamus Heaney, 1970 (Ritratt: Wikipedija)

Seamus Heaney, 1970 (Ritratt: Wikipedija)

Seamus Heaney mhux poeta faċli. Għal żmien twil, iktar apprezzajt il-lekċers tiegħu milli vrusu. L-istess fir-rigward ta’ Borges, sal-lum. Ħa nkun onest: sa ftit ilu, il-poeżija ta’ Heaney kont inħossha sfiqa, iffullata wisq, b’lingwaġġ tant irfinut li, flok iqarribni lejn id-dinja naturali mpinġija minnu, kont inħoss li jbegħidni, li jżommni barra flok jistedinni nidħol. Heaney huwa kittieb domestiku għall-aħħar, fis-suġġett u fil-vokabolarju. Tant hu hekk li, bħalma ssib, ngħidu aħna, fir-rumanzi ta’ Umberto Eco, qabel ma tibda tgawdi l-azzjoni u tidħol fi djalogu mal-awtur, hemm ċerta ‘għatba tad-diffikultà’ tisfidak, li trid tegħlibha b’paċenzja, b’ras iebsa. “Tibqax dieħel”, qisu qed jgħidlek l-awtur. Mhux hekk, kif ġieb u laħaq, kollok ewforja rħisa. Trid tidħol bil-mod, meta tkun komdu, meta tkun rabbejt biżżejjed kuraġġ. It-tapit tal-merħba ma ssibux barra. Issibu ġewwa, meta tkun lest li tintlaqa’ tassew.

Il-gżejjer Aran, mill-ispazju

Il-gżejjer Aran, mill-ispazju

Dik l-għatba tad-diffikultà għadni ma qbiżthiex għalkollox, anzi għadni ‘l bogħod, imma t-traduzzjoni tgħin ħafna. (It-traduzzjoni hija l-aqwa mod kif taqra, qal García Márquez xi mkien.) Dan l-aħħar bdejt nirrispetta ‘l Heaney b’mod partikulari bħala poeta ‘ġeografiku’. Daż-żmien għaddej naħdem fuq sensiela ta’ poeżiji dwar il-gżejjer, speċjalment dawk inqas magħrufa u b’forom li jinbxu l-istħajjil (Orcas, Manus, Salamís). Apparti r-riċerka kartografika u storika, għal kull gżira magħżula nfittex xi ntqal fil-poeżija. B’serendipità skomda, issa li telaqna Heaney, jerġgħu jfiġġu minn fuq il-mappa l-gżejjer ta’ Aran (ftit ‘il barra minn Galway Bay, fil-punent tal-Irlanda), u poeżija bellezza mill-pinna ta’ Heaney.

F’lekċer minnhom, tas-sena 2000, appuntu dwar it-traduzzjoni, hemm kwotazzjoni partikulari ta’ Heaney li niftakar fiha ta’ spiss: “Poetry is a domestic art, most itself when most at home“. Hija stqarrija li twennisni u timbuttani f’daqqa. Iva u le, iva u le, kif jgħid il-ħin kollu l-mewġ. Heaney kien qed jirreferi għal dak li “jintilef” fit-traduzzjoni, u ma naqbilx sa barra. Poeżija tradotta hija poeżija ġdida, mhux bilfors inqas sħiħa, u mhux bilfors inqas poeżija. Billi fl-istess lekċer jitkellem dwar l-iskambju ferm meħtieġ bejn il-qrib u l-bogħod, il-kwotazzjoni fhimtha wkoll mod ieħor, aktar personali. Mhux biżżejjed li poeta jivvjaġġja fil-kotba u fil-mapep; irid jinża’ l-papoċċ, jaqbad il-barżakka, u jitlaq għal għonq it-triq. U aktar tard, irid jiġi lura, jinġabar u jirrakkonta. Mhux għax ma jistax jirrakkonta minn barra, iktar u iktar bil-faċilitajiet ta’ komunikazzjoni li għandna llum, iżda għax biex tkellem lil niesek, trid tkun fosthom, u trid issib, b’mod preċiż kemm jista’ jkun, ix-xefaq li jlaqqa’ l-perspettiva tagħhom mal-perspettiva ġdida li tkun qed toffrilhom.

Importanti li tkun taf fejn int, fejn tinsab, kien jisħaq Heaney. Kif jgħid fil-konklużjoni tal-poeżija The Aerodrome:

Jekk il-jien huwa post, l-imħabba wkoll.
Tniżżlu l-koordinati, l-għeliem, il-ponot kardinali,
l-għażliet, l-ebusijiet ta’ ras, it-tkaken midfuna, id-distanza,
hawn u hemm u issa u mbagħad, pożizzjoni, qagħda.

Jalla jistrieħ fil-paċi, fil-gżejjer ta’ mappa oħra.

MAĦBUBIN FUQ ARAN

Il-mewġ dejjiem, ileqq, ikaxkar, ħġieġ miksur,
daħal ipeċpeċ, idur mal-blat, jindeħes fih,
daħal ileħħ, jitkaxkar mill-Amerki

ħa jaħkem Aran. Jew forsi Aran ġriet
tmattar dirgħajha tal-blat m’għonq marea
li ċediet b’ġibda ‘l ġewwa, b’tiġrifa ratba?

Kien il-baħar li fassal l-art, jew l-art lill-baħar?
Mill-iskontru tal-mewġ it-tnejn ġibdu sens ġdid.
Il-baħar kiser fuq l-art, u sar bis-sħiħ.


Il-Gżejjer Aran

Il-Gżejjer Aran

Advertisements

About antoinecassar

Poet, translator, editor, activist http://antoinecassar.info http://passaportproject.org http://mondepasrond.org
This entry was posted in Uncategorized and tagged , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s