Għal għonq it-triq #7: Jack Hirschman

Jack Hirschman. Ritratt mill-album 'Jacckissimo', ta' Marco Cinque.

Jack Hirschman. Mill-album Jacckissimo, ta’ Marco Cinque.

Illum, it-13 ta’ Diċembru, il-poeta Jack Hirschman jagħlaq 80 sena. Tmenin, u għaddej ġmielu! Nistħajlu n-nannu Whitman. Bħalu, minn New York, u beda minn Paumanok. Bħalu, ta’ spirtu wiesa’, iħaddan id-dinja mingħajr ma jifgaha. Bħalu, poeta minn dawk fejn il-jien mhuwiex il-jien ta’ wieħed, iżda ta’ ħafna, eluf, fuq il-paġna u lil hinn minnha.

Darba f’mitt qamar, tiltaqa’ ma’ persuna għall-ewwel darba, bla mistenni, u tħoss minnufih li ilek tafha snin twal, b’ċerta intimità li m’għandhiex bżonn titlissen. Fir-Readers Review, Byron Spooner, li laqqagħni ma’ Jack, jirrakkonta l-annedotu ħlejju ta’ kif iltqajna. Pariġi, Ġunju 2010, fil-park faċċata tan-Notre Dame, ftit sigħat wara qari tal-Passaport fil-Marché de la Poésie ta’ Place Saint-Sulpice. Bniedem ta’ tenerezza kbira, qisu n-nannu bil-beritta, kalm, seba’ widnejn, jikkmanda rispett b’leħen ta’ ħabib antik.

Minn irdum ta' Lamma Island

Minn irdum ta’ Lamma Island

Kien żmien ikrah, bil-mewt tan-nanna għadha friska, u l-laqgħa ma’ Jack kienet l-uniku skoll ta’ ferħ f’baħar ta’ diqa fonda. Aktar tard dik il-lejla, niftaħ il-gazzetta tax-Shakespeare & Company u ninzerta l-poeżija Path. Kont ilni ma nfittixha bla ma kont naf. Poeżija paterna, mielsa, dritt għall-punt, fuq kif mill-qsim il-qalb jitwieled il-leħen għall-ewwel darba, umli u ġewnin. M’hemmx triq oħra: il-qalb trid tħalliha tinkiser biex mix-xquq joħroġ id-dawl. Imxi lejn qalbek maqsuma. / Jekk mingħalik li m’għandekx, mur sibha. / Biex issibha, kun sinċier. / Tgħallem is-sinċerità tar-rieda billi tħalli / tidħol il-ħajja, għax tridx jew le, / ma tistax tagħmel mod ieħor. L-istess biċċa karta mill-gazzetta għadha mitwija fil-kartiera sal-lum, bit-traduzzjoni Maltija ħdejha bil-lapes, f’każ ta’ emerġenza, qisha karta tal-assigurazzjoni medika. Xahrejn wara, waħdi fuq irdum imwerraq ta’ Lamma Island, gżira ta’ Ħong Kong forma ta’ klamar bit-tentakli jissikkaw, dik il-poeżija salvatli ħajti.

path
sf passaportiSentejn wara li ltqajt ma’ Jack, sibt ruħi San Francisco, f’festival ta’ poeżija internazzjonali mmexxi minnu u minn martu Agneta Falk. Esperjenza minn dawk li jberrħu l-kuxjenza, jittondjaw ir-ruħ. Id-dawl Paċifiku ta’ dik il-belt għandu mod kif jibqa’ dieħel sal-ifnad irqajja’ tal-moħħ, jidħollok fil-vini, iħaffiflek il-pass. Għandi travelogue bil-lapes, tliet kwarti ta’ pitazz żebbuġi, li naf li x’aktarx qatt m’jien se naħsel indur għalih biex nittanta nittajpjah. Ġimgħa ta’ ferħ u ħbiberija, ta’ ftuħ totali lejn id-dinja. North Beach. Kerouac Alley. Lawrence Ferlinghetti. Il-leħen iwassal ta’ Matt Sedillo jirbombja kontra l-ħitan tas-City Hall. Specs, Caffè Trieste, il-poker room moħbi ta’ Tosca fejn ittraduċejna x-xogħol ta’ xulxin qalb id-duħħan u d-daħq jixpakka. Id-dija tal-oċean jien u nsuqha lejn ir-redwoods primevali u l-laguni tan-naħa ta’ fuq tal-Kalifornja. Għalija, f’dak il-festival, il-qari pubbliku tal-Passaport kien biss pretest. L-aktar mument għażiż, meta waqt l-ikla tal-poeti, qomt u qrajt Mogħdija, it-traduzzjoni Maltija ta’ Path, b’radd ta’ ġieħ lil Jack.

Jack Hirschman u Agneta Falk.

Jack Hirschman u Agneta Falk.

Min hu Jack Hirschman? Storja twila, 80 sena preċiżi. Poeta spiss imsemmi flimkien ma’ sħabu Ginsberg, Kerouac, Corso u Ferlinghetti, iżda b’leħen għalih. Poeta patern, li jisħaq fuq l-hena essenzjali tal-ħajja daqskemm iħaqqaqha, ċajtier u manjanimu dejjem, fuq il-ġustizzja soċjali, komunist mingħajr tlaqliq. Awtur ta’ 50 volum ta’ vrus, fosthom The Arcanes, ġabra ta’ 126 poeżija twila mifruxa fuq 35 sena. Traduttur prim, minn tużżana lingwi. Rivoluzzjonarju, b’lingwaġġ poetiku sempliċi fit-tidwir tiegħu, ‘il bogħod mill-akkademiċiżmu formali tal-East Coast li ma damx ma telqu warajh.

Awguri għal għeluq sninek, Jack, u ad multos annos, et arcanos!


Mogħdija

Imxi lejn qalbek maqsuma.
Jekk mingħalik li m’għandekx, mur sibha.
Biex issibha, kun sinċier.
Tgħallem is-sinċerità tar-rieda billi tħalli
tidħol il-ħajja, għax tridx jew le,
ma tistax tagħmel mod ieħor.
Int u tittanta taħrab, ħalliha taqbdek
u tqaċċtek,
bħal ittra mibgħuta,
bħal sentenza ġo fiha
li ilek għomrok tistenna li tinqata’
minkejja li ma għamilt xejn ħażin.
Ħalliha terfgħek ‘il fuq.
Ħalliha taqsmek, qalb.
Il-qalb maqsuma hi l-bidu
ta’ kull akkoljenza reali.
Widnet l-umiltà tisma’ lil hinn mill-ixtiebi.
Arahom jinfetħu l-ixtiebi.
Ħoss idejk jistrieħu fuq ġenbejk,
ħalqek jiftaħ bħal ġuf
biex iwelled leħnek għall-ewwel darba.
Itlaq itkanta u żżagrag fil-hena
li sempliċement tkun int.
Ikteb il-poeżija tiegħek.

L-hena

Hemm hena, hemm
għaxqa fir-ruħ, li ndifnet
ħajja f’qiegħ kulħadd
u dlonk intesiet.

Mhijiex iċ-ċajta ta’ mal-bar
jew id-daħq ta’ bejn tnejn
jew iż-żegħil tal-ħbiberija
jew il-logħob bil-kliem jixpakka.

Huma l-meħlusin li ħelsuha
minn dak li seħħ meta l-hena
ndifnet ħajja, meta
ma kinitx baqgħet tħares

mill-għajnejn tal-lum, u li
lanqas ma tixref meta xi ħadd
minn fostna jmut, biss nitilqu
kollox warajna, waħedna

ma’ dak li jibqa’ minna,
inkomplu nkunu essri umani
mingħajr ma nsiru umani,
mingħajr dik l-hena.


Ħajr lil Clifton Azzopardi u l-kumpanni ta’ Kelmet il-Malti tal-għajnuna fit-traduzzjoni tal-poeżija
L-hena.
Advertisements

About antoinecassar

Poet, translator, editor, activist http://antoinecassar.info http://passaportproject.org http://mondepasrond.org
This entry was posted in Uncategorized and tagged , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s