Għal għonq it-triq #10: Mark Strand

strandStrand mhuwiex fost il-poeti favoriti tiegħi – l-istil tiegħu filli jinħass iddilwit, u filli wisq klawstrofobiku. Madankollu, it-tiftix ta’ bilanċ bejniethom insibu interessanti, u dan l-aħħar sirt napprezzah aktar. Xlewh fuq li xlewh, u xahar wara mewtu għadhom jixluh sal-lum, b’li kien jikteb poeżija “skura wisq”. Dil-ħaġa tissorprendini, u tħassibni. Ma nafx qattx smajt lil xi ħadd igorr għax isib li l-vrus ta’ Baudelaire, Celan, jew Pizarnik huma pessimisti wisq, jew għax iktar qrib il-mewt milli l-ħajja. Iżda poeta ta’ żmienna, għala għandu jħossu ħati talli jippubblika poeżija ‘skura’ ? Minn meta ‘l hawn il-makabru, il-ġenn, il-paranojja ma baqgħux moda?

Ftit tal-ġimgħat ilu ħarbixt xi osservazzjonijiet dwar il-kitba bħala terapija, u l-perikli tagħha, fosthom il-fatt li wieħed ma jistax jippretendi li jikteb speċi ta’ manwal għall-ħruġ mid-dipressjoni, għax kull dipressjoni hija kumplessa, personalissma, kobba mħabbla ta’ fatturi li wħud minnhom jaf imorru lura għal episodji tat-tfulija li wieħed m’għadx għandu amment tagħhom. Mhux faċli taħrab l-ispeċifiku fl-espressjoni tas-swied il-qalb; jekk tikxef wisq, tissogra li taqa’ fil-banali, iżda jekk tibqa’ biss fuq il-livell tas-simboli tipiċi u ġeneriċi, ukoll. Ħabel stirat, li Strand xi minn daqqiet kien jirnexxilu jaqsmu mingħajr ma jaqa’ u jinstabat mal-art iebsa.

2002

M’iniex qed naħseb fil-Mewt, iżda l-Mewt qed taħseb fija.
Tintefa’ lura fis-siġġu, togħrok idejha, tmelles
il-leħja, u tgħid, “Qiegħed naħseb fi Strand, qiegħed naħseb
li ġurnata minnhom għad noħroġ minn wara, inxejjer il-minġel
jew nerfa’ l-klessidra f’dawl il-qamar, u jitfaċċa Strand
bi ġlekk u ingravata, u flimkien taħt is-siġar għerja
tal-vjali għad interrqu sa belt l-irwieħ. U meta
naslu fil-Misraħ il-Kbir, dak tal-vilel tal-irħam, il-folla
li tkun ilha tistenniena għad tilqagħna bil-krib miġnun tagħha,
u dmugħha, iebes u kiesaħ daqs il-ħġieġ talli trażżan
għal tant żmien, għad jaqa’ u jiċċaqċaq fuq il-ġebel taħtu.
                              Aħħ, jalla ma jdumx. Aħħ, jalla ma jdumx.” 

L-affarijiet inżommhom sħaħ

F’għalqa
jiena n-nuqqas
ta’ għalqa.
Dan huwa
dejjem il-każ.
Inkun fejn inkun,
jien dak li huwa nieqes.

Meta nimxi
nofroq l-arja
u dejjem
l-arja tidħol
biex timla l-ispazji
mnejn għadda ġismi.

Ilkoll għandna r-raġunijiet tagħna
biex nimxu.
Jien nimxi
biex l-affarijiet inżommhom sħaħ.

Advertisements

About antoinecassar

Poet, translator, editor, activist http://antoinecassar.info http://passaportproject.org http://mondepasrond.org
This entry was posted in Uncategorized and tagged , , , . Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s