Daqshekk ilbist il-vjola

lottubiljettId-disgħa u għoxrin ta’ Frar. Jum barrani fil-kalendarju. Tiftakar? Ma ntikx tort jekk le; wara kollox, jien iktar iffissat fis-simboloġija tan-numri minnek. Namra ċkejkna li writt min-nanna, avolja, hi kienet tikkalkula ħafna aħjar minni, u ġieli kienet tirbaħ xi ħaġa bil-berdejs u dati oħra tagħna. Meta lgħabt in-numri tiegħek b’nofs ċajta xi ġimagħtejn ilu, lanqas saqsejtni fuq id-29. Numru prim, ta’ waħdu, ta’ darba f’mitt qamar, jew imqar nofshom. Ma telax, u lanqas l-erbgħa l-oħra. Ma ġibtlekx risq, għidtli. Kemm ridt immerik! Iktar risq milli għali, niżgurak, minkejja kollox. Imma kif taf, għandi ħabta kerha niġbed is-sens imnejn mhux bilfors ikun hemm, il-ħin kollu nfittex il-metafori u s-sinjali ta’ warajhom. Speċjalment fi lwien is-sema, fil-forom tas-sħab jew ta’ dellhom fuq il-baħar, fil-qmura. Vizzju perikoluż, li daħħalni kemm-il darba f’basal minn dak li jaħraq u jdemma’. Il-ħin kollu ngħarrex għax-xbihat biex imbagħad nifhimhom ħażin. Daqslikieku d-dinja ktieb, u inti persunaġġ, minflok bniedma. Iva. Dik il-problema. Naf.

dinjaId-disgħa u għoxrin ta’ Frar. Jum barrani fil-kalendarju, imdaħħal minħabba l-kejl impreċiż tal-ħin u taż-żmien, ta’ kemm id-dinja ddum iżżagrag fuqha nfisha u madwar ix-xemx sa tagħqad ċirku għat-tul u ssib ruħha fl-istess pożizzjoni mnejn kien beda l-kejl. 24 siegħa żejda biex jagħmlu tajjeb għas-sitt sigħat li nitilfu ma’ kull sena. Dan ifisser li, f’ċertu jum u ċertu ħin, il-pożizzjoni tad-dinja fis-sistema solari ma tkunx eżatt l-istess bħal ta’ sena qabel, u lanqas bħal ta’ sena wara. Għax sena tal-arloġġ mhix sena tal-ġebla li minnha jsiru l-arloġġi. In-numri tas-sema u dawk tal-bniedem jaqblu biss darba kull erba’ snin. Mument ċkejken, fin-nofsillejl li jifred illum minn għada. Mela f’sena bisestli bħal din, ix-xitwa tkun ġurnata itwal, imma fil-kalendarju biss. L-istaġuni tal-ġebla ma jaqblux eżatt ma’ kif inqassmuhom aħna. Il-bniedem ma jafx ikejjel bi preċiżjoni, mingħalih li jista’ jqassar u jtawwal l-istaġuni, u iktar jgħaġġel milli jistenna. Jew għax ottimist iżżejjed, jew għax ma jafx jieħu paċenzja, jew għax ma jafx jitrażżan. Jew forsi t-tlieta f’daqqa. Hi kif inhi, il-bniedem jgħix eżiljat mill-verità, mill-perfezzjoni kożmika, f’ċikli ta’ erba’ snin.

hemm fejn gheriqtGħal min iħobb li l-affarijiet ikunu tondi u sħaħ, ġurnata barranija bħal-lum tkun xierqa għall-bidu u t-tmiem ta’ kejl, jew ta’ ċiklu magħqud, jew ta’ storja magħluqa. Ma niftakarx fi x’ħin iltqajna eżatt, dakinhar tad-29 t’erbgħa snin ilu, u lanqas niftakar kinitx taħt it-tieni jew it-tielet siġra. Imma niftakar li kont qiegħda tfur bil-ħlewwa, liebsa l-vjola, vjola bħalma ġieli jkun il-baħar tal-Wied mal-għabex, l-iktar meta l-qamar ikun qed jimla fil-baxx. U dak il-ħin kelli naqdef u nissara minn ġewwa biex ma tindunax li dak il-mewġ vjola kont qiegħed negħreq fih.

sabbara

Vjola, bħall-għeneb li minnu jsir l-inbid aħmar, tajjeb għall-qalb u għall-ħbiberija. U sirna ħbieb, anki jekk b’nofs ta’ baħar u nofs t’art bejnietna. U minn dakinhar ‘l hawn ktibt, u ktibt, u kull ħaġa li kont inħażżeż kont nistħajlek qiegħda taqraha b’dawk iż-żewġ qmura taparsi par għajnejn. Italo Calvino, xi mkien fil-ktieb Se una notte d’inverno un viaggiatore, jitkellem dwar il-‘lettrice ideale’. U donnok kont taf, għax ma’ kull xbieha, ma’ kull metafora li kont niġbed waqt mixja jew insomnja, kont tagħfas mill-ewwel. It-telegrammi tal-grillu. Is-sabbara twila tmil lejn Filfla. Ir-ramla f’tarf il-ġuf tal-Wied, tistenna l-għawwiem. Possibbli m’indunajtx min kien il-grillu, is-sabbara u l-għawwiem, u min il-gżejra u r-ramla t’tarf il-Wied?

dinjaqalbVjola, bħal dawk il-pirmli li jqabbdu l-istħajjil psikadeliku. Wara xi sentejn, forsi proprju għax inbati bil-qamar, tlift il-kejl. Kelma waħda bħal suffarina, u d-dwejra tal-karti li kont bnejt, bil-mod u bis-sod, vers ħdejn vers, strofa fuq strofa, inħarqet f’ħakka t’għajn. Għajn imċajpra li insistiet li taqra u tifhem ħażin. Kont għaġġilt l-istaġuni. Kont qrajt xi ħaġa fiż-żewġ qmura jimlew f’wiċċek, iżda mort żmerċ. U sibt ruħi f’eżilju doppju, dak tal-mappa u dak tal-qalb.
Vjola, il-kulur tal-penitenza. Bqajt nikteb u nimxi, nimxi u nikteb. Sakemm sibt il-passaport biex stajt erġajt qsamt il-fruntiera ta’ skietek, kellhom jiqsaru u jimlew xi 15-il qamar ieħor. U xorta waħda ma tgħallimtx naqra sew ix-xbihat. Il-ġimgħa l-oħra rġajt tlift il-kejl tal-qmura, erġajt għaġġilt ir-rebbiegħa, u issa hawn jien, b’dis-sensazzjoni stramba li tħossok id-dar u fl-eżilju f’daqqa.
triq muntanji

Vjola, kulur li mhux suppost tilbsu fit-teatru għax iġiblek xorti ħażina. Forsi tgħodd għall-poeżija wkoll. Kumbinazzjoni, u veru b’kumbinazzjoni, dan l-aħħar xahar inzertajt tlift flokk vjola għal tliet darbiet. L-ewwel darba waqt kunċert. Ftit jiem wara mort lura fuq il-post, iżda ma sibtux. It-tieni flokk tliftu f’dari stess. Wara din it-tieni telfa, ħabib ħareġ b’metafora sabiħa – kull darba li nitlef flokk vjola qiegħed ninża’ qoxra, għax inkun qed nimmetamorfizza. Dak il-ħin m’għamiltx ir-rabta mal-libsa vjola tiegħek t’erba’ snin ilu. Dak il-flokk sibtu fil-magna u onxortu, u mbagħad, l-għada tal-ġlieda u tar-ritorn fl-eżilju, tellajtu miegħi f’safra – anzi, għamilt kuraġġ u mort -, iżda lejn tmiem is-safra serquli l-barżakka, bil-flokk vjola u l-passaport ġo fih, kif ukoll ċitazzjoni ta’ speeding li kont għadni ma ħallasthiex.

Prince-purple-RainVjola, bħal dik il-kanzunetta tal-1984, dwar ħbiberija li marret il-baħar, ħbiberija impossibbli, għax il-kantant ried wisq, u għaġġel, u kejjel ħażin. Il-vjola hija wkoll il-kulur tal-ħniena, iżda naf li mhix ġejja. Illum, id-disgħa u għoxrin ta’ Frar, jum barrani fil-kalendarju, ġejt lura taħt is-siġra. It-tieni waħda, kważi ċert li kienet dik. Iktar milli biex niftakar, ġejt biex nagħqad iċ-ċirku, biex nagħlaq l-istorja. L-erba’ snin mhux se jsiru tmienja, numru li jekk timbuttah bil-ħlewwa jsirlek l-infinit. Naf. Mhux se jkun hemm 50 qamar ieħor. Lanqas dawk il-par qmura li kont nistħajjilhom jaqraw il-metafori ta’ moħħi jibla’ l-pirmli vjola. Qisu diżgwid bejn kittieb li ma jafx jaqra, u qarrejja li ma tafx tikteb. Kliemek dan tal-aħħar, ma naqbilx miegħu. Tikteb sabiħ, b’ħafna spirtu, imma jien ma nafx naqra, dik il-problema. M’hemmx soluzzjoni. L-unika perfezzjoni li jista’ jkun hemm f’din il-ġrajja kollha hija l-għeluq taċ-ċiklu f’mument preċiż. Issa li d-dinja tinsab eżatt fl-istess punt tas-sistema solari milli kienet l-aħħar 29 ta’ Frar, ġurnata barranija fil-kalendarju, nista’ ntella’ l-lapes minn fuq il-karta, u neħles. Neħles lilek. U lili. Għax meta teħles lil ħaddieħor, tkun qed teħles lilek innifsek fl-istess ħin.
filfla vjola

Ma ġibtlekx risq, għidtli. Kemm ridt immerik! Iktar risq milli għali, niżgurak, minkejja kollox. Ma nistax ma nniżżikx ħajr ta’ kulma ktibt f’dan il-baħar vjola, fil-mewġ kalm u fil-mewġ itella’, taħt qmura ta’ kull forma, jimlew u jiqsaru.

Daqshekk ilbist il-vjola. U daqshekk tellajtlek il-metafori minn ġol-mewġ. Imlejt żewġ kotba. Grazzi. Mill-qalb, mil-lapes, mill-istħajjil ta’ moħħi. Nixtieqlek ir-risq. Dak kollu li jiena ma ġibtlekx, u aktar. Attenta biss mill-kittieba li ma jafux jaqraw.

Se jdoqqu nofsillejl. Il-qamar fuq il-Wied qed jitla’ u jiqsar. Se niftakrek b’għożża, bi ħlewwa, mhux bil-melħ tad-dispjaċir. L-ittri t’ismek, li ilhom erba’ snin jitlaħalħu f’dan il-Wied, se jitkaxkru lejn ix-xefaq, lil hinn mill-gżira ssellmilhom b’dak il-kappell miftuq li għandha. Biex żgur naqta’, se nitfa’ l-lapes ħalli jsalpa magħhom. Ktibt biżżejjed. Il-vjaġġ it-tajjeb. U s-sliem.

qattuskobbamhabbla
Advertisements

About antoinecassar

Poet, translator, editor, activist http://antoinecassar.info http://passaportproject.org http://mondepasrond.org
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s