Intervisti (Malti)

Intervista ma’ Joyce Grech, Kaskata Kulturali, RTK, il-5 ta’ Jannar 2012

Intervista ma’ Mario Azzopardi, In-Nazzjon, is-7 ta’ Frar 2012

Intervista ma' Mario Azzopardi, In-Nazzjon, is-7 ta' Frar 2012

Hemm fik dan il-kuntrast qawwi bejn in-nostalġija għal Malta ta’ nannietek u l-espansjoni kożmopolita u globali tiegħek. Diffiċli dan l-att ta’ bilanċ?

Erba’ snin ilu, qabel il-qabża mill-poeżiji multilingwi għall-espressjoni bil-Malti, dil-mistoqsija kont inweġibha billi ngħidlek li l-iktar li nħossni komdu la hu barra u lanqas ġewwa, iżda fl-għatba infinita ta’ bejniethom. Illum dan m’għadux minnu. Tul iż-żmien li kont nikkomponi l-‘mużajki’ u nintarsja kif stajt l-influwenzi tal-kulturi varji li kbirt fihom, l-ilsien Malti kien hemm il-ħin kollu jtektek fuq il-bieb, sakemm il-bieb sfrundah bil-ħlewwa. Kif tgħallimt meta vvjaġġajt bil-barżakka fl-Amerka t’Isfel u kkonfermajt fi żjara twila l-Indja, id-dawl, it-trab, l-arja mielħa ta’ raħal nannieti kont inġorrhom miegħi, sal-punt li taw aktar sens, aktar sħuħija lill-vjaġġ innifsu. Whitman beda minn Paumanok, Neruda minn Isla Negra, Tagore minn Shantiniketan… Insemmi dawn it-tliet poeti, bħallikieku figuri paterni, għax huma l-aktar tlieta li fetħuli għajnejja u li għadni qed nitgħallem mingħandhom (għax għalija jirrappreżentaw, rispettivament, is-sinċerità, is-sempliċità, u s-serenità fl-espressjoni poetika). Jien, ta’ nofs ras li jien, inzerta li bdejt mill-Qrendi.

Tuża ħażna impressjonanti ta’ kliem semitiku/arkajku. Mnejn ġej dan ir-reġistru lingwistiku u x’siwi taralu llum?

Billi meta kont żgħir ma qattajtx iktar minn ħames snin il-Blata, il-Malti prattikament kelli nerġa’ nitgħallmu, diġà tard, ta’ 26 sena. Jekk hemm ‘arkajiżmi’ f’ċerti poeżiji ta’ Bejn, jista’ jkun għax il-Malti tgħallimtu iktar min-nanniet u mill-kotba milli fit-triq jew fil-bitħa tal-iskola (sa ċertu punt anki apposta, biex ma nispiċċax nimita l-ħafna ‘code-switching’ u d-drawwiet ħżiena tal-Malti tax-xandir). Imma naturalment, ta’ min ngħidu wkoll li dak li jinħass arkajiżmu f’widnejn dak li jkun mhux bilfors jinstema’ arkajiżmu f’widnejn ħaddieħor. Nannuwi, pereżempju, kien juża ta’ spiss il-verb ‘jiftaqad’, jiġifieri li tinżel l-għalqa biex tiċċekkja li kollox sew, jew b’mod usa’, li titkixxef jew tesplora. Aktar tard skoprejt li ħafna minn sħabi tampari dil-kelma qatt ma kienu semgħuha. Imbagħad hemm ċerti plurali miksurin li donnhom qed jintilfu. ‘Xefaq’, ngħidu aħna, safejn nista’ nifhem ma titqiesx arkajka, u jekk f’poeżija, jew anki fit-taħdit ta’ kuljum, toħroġli ‘xefaq’ flok ‘orizzont’, ma nħossx li qed inkun arkajku, u lanqas ma nħoss li qed inkun iktar jew inqas poetiku jew elokwenti; f’okkażjoni oħra, jista’ jkun li nagħżel ‘orizzont’, għar-ritmu jew għax fis-sentenza partikulari tkun iddur aħjar mal-ilsien. Il-problemi ta’ fehim jibdew meta nuża plurali bħal ‘xfieq’, ‘imwieġ’, ‘għorom’ eċċ., li b’xorti ħażina donnhom saru jfixklu l-komunikazzjoni flok iħaffuha, u jistgħu jtellfu miċ-ċarezza tas-sens tal-poeżija. Sirt konxju ħafna ta’ dan ix-xkiel, u għalhekk, f’poeżiji bħal Rota u Dalma, ma qgħadtx lura milli ndaħħal lessiku mill-aktar kontemporanju u kollokjali, kif ħassejtu jien u nikteb. 

F’ħin minnhom tirreferi għal “din it-tfulija titbissem” ġo fik.  Kemm tgħodd għalik il-frażi poeta puer?

Il-vers li qed issemmi ġej mis-siltiet tal-Atlas, proġett twil li għadu għaddej, fejn niddeskrivi s-suriet tal-ixtut tal-kontinenti u tal-gżejjer u norbothom mal-istorja antika u moderna tal-popli li jgħixu fuqhom. F’din l-ekfrażi ġeografika, in-narratur jifli l-mapep bl-għajnejn ta’ tifel imsaħħar, u fl-istess ħin ta’ bniedem iktar imġarrab li tgħallem jaqra bejn il-linji u anki taħthom. L-Afrika forma ta’ qorriegħa, jew tal-qadd ta’ mara għammiela, simboli aktarx tal-antenati tagħna, imma hi wkoll forma ta’ lanġasa maqsuma minn elf sikkina iżda li xorta baqgħet sħiħa, titqadded bil-mod. U Malta, kaħlija storduta, jew baliena bħal tal-istorja ta’ Ġona… It-tikketta poeta puer, jekk tittieħed fis-sens li bih intużat pereżempju għal Pascoli (f’poeżiji bħal Bicicletta) jew Neruda (l-Odi elementali), jiġifieri bħala l-mod kif il-poeta jispjega d-dinja u jiċċelebra l-ħajja pjuttost milli bħala indikazzjoni ta’ ċertu livell ta’ maturità, ma ddejjaqni xejn. Sa ċertu punt, nemmen li biex tibqa’ kreattiv, trid tibqa’ trawwem it-tifel ta’ ġo fik, tħallih jilgħab bil-kliem, bl-ideat, bl-istħajjil. Bħala kittieb, anki jekk diġà ħriġt tliet kotba, inħoss li għadni qed nibda. Allaħares kont diġà lħaqt it-ton ta’ poeta senex, ta’ 33 sena! 

Teknikament donnu hemm ossessjoni bir-rima: x’funzjoni għandha għalik din ir-rima kważi implakabbli?

Apparti l-ktejjeb Passaport, poeżija twila bil-Malti li fiha l-elementi minn ilsna oħra jinżammu fil-minimu meħtieġ għall-kuntest, Bejn hija l-ewwel ġabra tiegħi ta’ poeżija bil-Malti, frott ta’ erba’ snin ta’ sperimentazzjoni mingħajr wisq ippjanar jew dixxiplina. Bażikament, xtaqt nara x’inhuma l-possibbiltajiet sonori u ritmiċi tal-Malti u safejn jistgħu jaslu, mhux bħala sempliċi logħba iżda bħala veikolu ta’ espressjoni ġenwina. Għall-ewwel bdejt inħarbex ħafna ‘nonsense verse‘, u kont nikkorrispondi f’dil-forma, b’nofs ċajta, ma’ sieħbi Alex Vella Gera, li mbagħad iddedikajtlu l-ktieb. Il-Malti alliterattiv ħafna, u bdejt nara kemm din il-kwalità hi kapaċi taqdi l-effetti psikosomatiċi li nfittex fil-poeżija, jiġifieri, il-mod kif il-ħoss imżewweġ mas-sens jaqbdek, jheżżek, iħallik bla nifs u jerġa’ jimlielek il-pulmun. Xempju fundamentali ta’ dan it-tip ta’ espressjoni hu l-poeżija ta’ Achille Mizzi (Il-bosk, Identità, Déjà vu, Burraxka, Is-sess tal-fjuri… il-lista twila sew), li aktarx influwenzat il-kitba tiegħi iktar milli xtaqt. Ir-rima importanti bħala parti mir-ritmu, speċjalment meta t-test ikun maħsub biex jaqbeż minn fuq l-abjad tal-paġna għall-enerġija mleħħna ta’ fuq il-palk. Ir-rima tista’ wkoll tagħti lok għal rabtiet ‘selvaġġi’ u mhux mistennija bejn kelma u oħra, idea u oħra, bħallikieku n-natura stess tal-lingwa tikxef u tispjega enimmi tal-ħajja. Iżda obbligatorja mhijiex, u l-użu tar-rima se jiddependi dejjem mill-għan tal-poeżija li tkun. Fil-poeżiji li qed nikteb illum, f’versi twal iktar qrib it-taħdit milli r-rażan tal-linka, ir-rima qed nużaha b’mod lokali ħafna, fejn l-iktar li jkollha effett, biex tisħaq fuq kuntrast jew similitudni, tgħaġġel ir-ritmu, tissuġġerixxi ton ta’ nostalġija, u l-bqija.   

Xtaqtek tgħidli jekk temminx fid-destin “profetiku/morali” tal-awtur f’dinja fejn il-leħen tal-kuxjenza jinħass dejjem aktar mirdum. Għandi f’moħħi, pereżempju, l-indizju li tagħmel kontra l-politika lokali. L-awtur lokali għandu relevanza politika?

It-tliet poeti li semmejt fil-bidu – Whitman, Neruda, Tagore – kitbu fi stili mbiegħda minn xulxin, iżda bħala persunaġġi u kittieba qasmu karatteristika importantissma: id-dmir politiku, jew biex inkunu iktar preċiżi, ir-responsabbiltà umana. L-Għanja tiegħi nnifsi (Song of Myself), ta’ Whitman, hija għanja fuq il-bniedem bħala speċje għalih; fl-Ode lit-tuffieħa, Neruda jixtieq jara l-popolazzjoni kollha tad-dinja tul l-ixtut tal-Mississippi, jigdmu tuffieħa; fil-Gitànġali, Tagore jkanta ż-żifna ta’ demm il-bniedem u l-“oċean-taħnina” tat-twelid u tal-mewt. Biex waslu għal espressjoni tant ġenerali u planetarja, jista’ jkun li dawn it-tliet poeti twieldu profeti, imma ma nħobbx inkun daqshekk romantiku. Fi wħud mill-poeżiji impenjati ta’ Bejn, żammejt f’livell ħafna iktar partikulari. Meta ktibt Jum ir-riflessjoni, pereżempju, kienet se tkun l-ewwel darba li nivvota f’elezzjoni nazzjonali f’Malta, u ħassejt li ma tantx kien hemm mnejn nagħżel. Kont qed nesprimi diżappunt personali rigward il-fatt li żewġ partiti mhumiex biżżejjed, fost raġunijiet oħra għax borma fuq tnejn ma toqgħodx. Jekk ikun hemm qarrejja li jidentifikaw ma’ din l-opinjoni u emozzjoni, tant l-aħjar, imma l-leħen ta’ dik il-poeżija huwa tiegħi, u l-fatt li jien poeta ma jagħtinix iktar jew inqas awtorità li nitkellem, aħseb u ara li nipprova nipperswadi.  

Wieħed minn dawk li kitbu dwarek jirreferi għall-fearful symmetries of human experience”. Mnejn jitnisslu l-ansjetajiet tiegħek? Xi jbeżżgħek?

Jista’ jkun li b’din id-deskrizzjoni Norbert Bugeja qed jirreferi għall-mod kif nuża r-rima fl-iktar poeżiji ‘politiċi’ tal-ktieb. F’Ċomb, pereżempju, dwar l-attakki fuq il-Medda ta’ Gaża f’Jannar 2009, l-ewwel żewġ strofi huma mibnija fuq verbi-rima f’imitazzjoni tal-ftuħ ta’ The Waste Land ta’ Eliot; imbagħad, fi tmiem il-poeżija, l-alliterazzjoni “battalja battala bla tpattija tissajja: / duħħan ġo duħħan, tbajja’ fuq tbajja’” hija illustrazzjoni sonora tal-bombi mxewilħa fuq in-nies. Ir-rima tissuġġerixxi, b’mod sottili, li l-affarijiet huma kif suppost, li l-vjolenza tagħmel sens, tant li donnha ġġustifikata mil-lingwa stess; iżda dan għandu jixpruna lill-qarrej jirrofta dik ir-realtà u jirreaġixxi kontriha. Huwa proprju dan li jbeżżagħni l-iktar: l-apatija ġenerali quddiem l-inġustizzja, l-aċċettazzjoni siekta tal-qagħda tad-dinja, tal-kundizzjoni umana, bħallikieku huma kif inhuma għax inevitabbli. Nibża’ wkoll mill-fatt li l-identitajiet kollettivi jitqiesu iktar importanti mill-benessri tal-individwi li dawk l-identitajiet jittantaw jissimbolizzaw; min-nozzjoni statika tal-istat nazzjon, ‘il fuq mill-popli li tipprova tagħlaqhom fl-istess kaxxa; u llum, iktar u iktar, il-fatt li huma l-banek li qed jikkontrollaw in-nazzjonijiet u mhux, kif suppost, bil-maqlub. 

Għandek bosta kuntatti m’awturi barranin tal-ġenerazzjoni tiegħek: fejn tqiegħed il-letteratura Maltija tal-preżent meta tqabbilha mal-produzzjoni barranija?

Vantaġġ li l-poeżija għandha fuq il-proża hu li tivvjaġġa ħafna aktar faċilment, mhux biss permezz tat-traduzzjoni, iżda fuq kollox għax tieħu l-ħajja fuq il-palk. Fl-aħħar ftit snin irċevejt ħafna stediniet biex nippreżenta l-poeżija tiegħi fl-Ewropa u fl-Ażja, l-iktar b’riħet il-Passaport, u kelli x-xorti niltaqa’ ma’ bosta awturi tampari u ikbar minni. L-editorjal tal-aħħar ħarġa ta’ Transcript Review, iddedikata lil-letteratura kontemporanja ta’ Malta, jiffoka fuq dik id-dikotomija dejjiema bejn iċ-ċentri u l-periferiji, u l-fatt li bħala entità relattivament ċkejkna, il-kultura Maltija ma tistax ma ssibx ruħha titħabat fuq il-marġni. Naqbel, imma jista’ jkun li permezz tal-internet, tat-traduzzjoni, ta’ dak li Goethe kien sejjaħlu l-Weltverkehr (‘it-traffiku tad-dinja’, fis-sens li l-bniedem u kulma jirrappreżenta qed isiru dejjem iktar mobbli), il-linji bejn iċ-ċentri u l-periferiji qed jiċċajpru, u dan fenomenu għalkollox pożittiv, fiż-żewġ direzzjonijiet. Ta’ Malta jħabbatha ma’ ta’ barra, u ta’ barra jħabbatha ma’ ta’ Malta. Madankollu, meta awtur Malti joħroġ barra jippreżenta xogħlu, irid jegħleb xkiel inevitabbli: li s-semmiegħa ma jinteressawx ruħhom f’xogħlu biss minħabba n-natura u l-ħsejjes, għalihom eżotiċi, tal-ilsien Malti bħala amalgama Għarbija-Taljana, mitkellma fuq erba’ ċagħkiet fin-nofsinhar tat-tramuntana, fl-Ewropa iżda kważi kważi fl-Afrika. Kemm awturi Maltin qabżu b’suċċess dak il-pass u rnexxielhom jwasslu s-sens u mhux biss il-ħoss, nistqarr li ma nafx. L-awturi barranin li niltaqa’ magħhom ġieli jsemmuli l-poeżija ta’ Immanuel Mifsud, u dan qabel ma ngħata l-premju letterarju tal-UE, u minkejja li ħafna mill-poeżiji tiegħu għadhom lanqas biss dehru f’Malta. Barra minn hekk, kulma nista’ ngħid hu li meta kont fil-festival ta’ Struga, il-Maċedonja, is-sajf li għadda, il-poeta veteran Mateja Matevski, u anki xi membri tal-udjenza, qaluli li kienu għadhom jiftakru f’Oliver Friggieri, xi għoxrin sena wara li kien mistieden fl-istess festival. Friggieri jsemmi l-festival ta’ Struga fl-aħħar paġni tal-awtobijografija tiegħu, u mid-dehra, ħalla impatt.

Advertisements