Lejl 30 (Stħajjel)

Ritratt: Bongo Nyah

Ritratt: Bongo Nyah

Ħadt pjaċir ħafna naqra mill-poeżiji tal-Erbgħin Jum għand il-Bongo Nyah il-Ħamis li għadda, speċjalment bil-kumpanija u l-kuraġġ ta’ Adolf, Alex u z-Zizza jdoqqu warajja. Apparti t-tema fil-bidu ta’ kull taqsima u l-bażi ta’ Lejl 34 (il-poeżija ta’ Ġesù u t-tentazzjoni), il-mużika kienet kollha improvizzata, u d-dinamika ta’ bejniethom sabiħa wisq. Daqqew ħafna aħjar milli diġà kien imwiegħed miż-żewġ sessjonijiet li kienu għamlu fil-garaxx tal-Marsa. F’diversi mumenti xtaqt nieqaf mill-qari ħa nisma’ sew il-mużika u nintilef fiha. Il-beats taz-Zizza, ir-riffs ta’ Adolf u n-noti għall-għarrieda ta’ Alex baqgħu għaddejjin bejn widnejja f’qiegħ il-lejl, u sa jumejn wara. Ħin minnhom ma nafx kontx qiegħed niftakar sew il-mużika jew nikkomponi fuq l-istil tagħhom, tant kien organiku. Prosit Alex tal-idea u talli laqqajtna. Aħfrulna tal-problemi ta’ volum li kien hemm fl-ewwel taqsima, fejn mid-dehra kliemi ma kienx jinftiehem, l-iktar fuq wara. Mill-bqija, kien hemm min fehem; kien hemm min ma fehemx; u kien hemm min qagħad jidħaq – tajjeb ukoll. Grazzi lill-Bongo Nyah u lil kull min ġie. U grazzi lil David Schembri tax-xogħol grafiku.

wiedDil-ġimgħa ninsab il-Wied (dak taż-Żurrieq, b’antonomażja), fl-istess kamra fejn nibtu l-idea u l-ħtieġa tal-Erbgħin Jum fi tmiem is-sajf li għadda. Ftit jiem wara, lura fil-griż tal-Lussemburgu, stenbaħt f’nofs ta’ lejl b’ħasda xxoqq l-għadam, u dak il-ħin smajt f’moħħi l-versi ta’ Lejl 0 u niżżilthom f’salt. Minn hemm ‘il quddiem komplejt nimxi u nikteb ftit jew ħafna kuljum, u issa għaddej norbot l-aħħar truf tas-sensiela. It-tir huwa li l-ktieb joħroġ f’Novembru jew Diċembru, u li nerġgħu nagħmlu l-kunċert-qari bħala tnedija, f’teatru jew sala.

skrivanijaIntant, jumejn ilu u dalgħodu reġgħu saqsewni. “Meta se tiżżewweg, ‘tazzetta’, tagħmel babies?” Niddedika l-poeżija t’hawn isfel – Lejl 30 – lil kull min laħaq ċerta età u għadu jibża’ ‘jazzetta’ u jrabbi familja. (U lil min sempliċement ma jridx – deċiżjoni li iktar ma nikber iktar nammiraha.) Recording mill-garaxx tal-Marsa.

Lejl 30

U seta’ kien agħar. Stħajjel tfajjel jixbhek,
waħdu jigdem id-dlamijiet fir-rokna,

b’ommu tgara l-kotba lejn ras missieru
għax qatta’ lejl ieħor imqajjem jikteb.
Stħajlek ġo loft bi skrivanija ċkejkna
imdawla kemm kemm minn tamboċċ imxattar
jilqa’ t-tisbit tal-isdra tat-tjur bojod
li dabulhom ġwinħajhom f’djul ix-xemx.
Stħajjel il-kaxxa tax-xjaten iddeffes
prodott wara l-ieħor fil-baħħ ta’ moħħok
bit-tifel jiftaħlu u jtenni kull kelma
u joqmos hieni ma’ kull melodija.
Stħajlek tul l-indani ta’ supermarket
titħaxken ma’ kull friża ħa tinġazza
biex ma tismax il-krib u ma tgerfixx
id-daqq taċ-checkout mat-taqtiq ta’ qalbek.
Stħajjel l-ikliet għand familji razzisti
jiddiskutu l-beżgħat tal-aħħar moda,

b’fommok imsakkar ma jmurx tisfa mostru
fuq wara tal-pitazzi tal-iskola.
Stħajlek titlaq mix-xogħol mingħajr ma tifraħ
u ssuqha sad-dar bil-ħmistax fis-siegħa
sa t-tpaqpiq itarrax it-twerżiq f’rasek.
Stħajlek tistartja l-magna maż-żerniq

u ssuqha sieket tul it-textix xitwi
bil-kelma Vladivostok tikber f’fommok.
Stħajlek titkaħħal ma’ mappa ta’ gżira
li ħallejt tegħreq fil-baħar ta’ ħalqek,
u tqarmeċ l-ismijiet u ssoff it-toroq
li jinfdu fil-fewġiet tal-arja mielħa.
Stħajlek taqla’ l-enneżima ċanfira
għax waqqajt farka zokkor fl-art tal-kċina
u int u tgħarraq l-imrar fil-kafè fietel
tiċċassa lejn l-iskorċa blu fit-tieqa.
Stħajjel l-intiena tal-ħalib maħruq
tfakkrek fl-omm li telqitek kontra qalbha
u d-dmugħ maqtugħ li kellek tibqa’ tibla’
biex tiskansa t-togħmiet taċ-ċinturin.
Stħajlek iżżomm b’idejk ma’ tarf is-sink
biex ma tiġġarrafx quddiem il-mistħija
tal-wiċċ abjad karti qed jaħrab ħarstek.
Stħajlek tittawwal fil-bokka ta’ bir,
u tagħlaq għajnejk, u ma ssibx in-nir,
u tiftaħ għajnejk u tara t-twerwir
tal-fatat li kont ħlift li qatt ma ssir.
Stħajlek tigdem ilsienek, idek, fwiedek
biex ma tiżloqx iż-żelqa ta’ missierek.
Stħajlek fanal imsawwat mill-mewġ kiesaħ
tibqa’ xxandar kif tista’ t-tpetpit bati,
tixtieqek vapur minnhom ħa tinkalja
fid-dejl ta’ rdum imxewwek u ħamrani.
Stħajjel l-għeruq mitlufa jrossu m’għonqok.
Stħajlek zokk mimdud bil-friegħi miżbura,
maħkum min-nemel bieżel u l-faqqiegħ.

Jew stħajlek taqla’ għeruqek darba għal dejjem,
stħajlek zokk mimdud u moħfi minn ġewwa
fejn jidħol jorqod tfajjel b’nifsu sielem
jimliek b’ferħ li qatt m’għext jew emmint fih.
Stħajjel rasha tistkenn fil-wied ta’ sidrek,
b’id waħda twennislek is-sinsla mwebbsa
u l-oħra tistrieħ ħafif fuq ix-xehwa
li nsejt li kellek ftit ‘il fuq minn qaddek.
Stħajlek f’qiegħ il-lejl tiskanta ġo qalbek
b’kemm hi iebsa l-imħabba, kemm fraġli l-hena,
u b’wiċċek ġo subgħajk għall-mitt elf darba
terġa’ ssaqsi dan kollu hux vallapena.
jorqod

 

Posted in Uncategorized | Tagged , , , , , , , , , | Leave a comment

Għal għonq it-triq #10: Mark Strand

strandStrand mhuwiex fost il-poeti favoriti tiegħi – l-istil tiegħu filli jinħass iddilwit, u filli wisq klawstrofobiku. Madankollu, it-tiftix ta’ bilanċ bejniethom insibu interessanti, u dan l-aħħar sirt napprezzah aktar. Xlewh fuq li xlewh, u xahar wara mewtu għadhom jixluh sal-lum, b’li kien jikteb poeżija “skura wisq”. Dil-ħaġa tissorprendini, u tħassibni. Ma nafx qattx smajt lil xi ħadd igorr għax isib li l-vrus ta’ Baudelaire, Celan, jew Pizarnik huma pessimisti wisq, jew għax iktar qrib il-mewt milli l-ħajja. Iżda poeta ta’ żmienna, għala għandu jħossu ħati talli jippubblika poeżija ‘skura’ ? Minn meta ‘l hawn il-makabru, il-ġenn, il-paranojja ma baqgħux moda?

Ftit tal-ġimgħat ilu ħarbixt xi osservazzjonijiet dwar il-kitba bħala terapija, u l-perikli tagħha, fosthom il-fatt li wieħed ma jistax jippretendi li jikteb speċi ta’ manwal għall-ħruġ mid-dipressjoni, għax kull dipressjoni hija kumplessa, personalissma, kobba mħabbla ta’ fatturi li wħud minnhom jaf imorru lura għal episodji tat-tfulija li wieħed m’għadx għandu amment tagħhom. Mhux faċli taħrab l-ispeċifiku fl-espressjoni tas-swied il-qalb; jekk tikxef wisq, tissogra li taqa’ fil-banali, iżda jekk tibqa’ biss fuq il-livell tas-simboli tipiċi u ġeneriċi, ukoll. Ħabel stirat, li Strand xi minn daqqiet kien jirnexxilu jaqsmu mingħajr ma jaqa’ u jinstabat mal-art iebsa.

2002

M’iniex qed naħseb fil-Mewt, iżda l-Mewt qed taħseb fija.
Tintefa’ lura fis-siġġu, togħrok idejha, tmelles
il-leħja, u tgħid, “Qiegħed naħseb fi Strand, qiegħed naħseb
li ġurnata minnhom għad noħroġ minn wara, inxejjer il-minġel
jew nerfa’ l-klessidra f’dawl il-qamar, u jitfaċċa Strand
bi ġlekk u ingravata, u flimkien taħt is-siġar għerja
tal-vjali għad interrqu sa belt l-irwieħ. U meta
naslu fil-Misraħ il-Kbir, dak tal-vilel tal-irħam, il-folla
li tkun ilha tistenniena għad tilqagħna bil-krib miġnun tagħha,
u dmugħha, iebes u kiesaħ daqs il-ħġieġ talli trażżan
għal tant żmien, għad jaqa’ u jiċċaqċaq fuq il-ġebel taħtu.
                              Aħħ, jalla ma jdumx. Aħħ, jalla ma jdumx.” 

L-affarijiet inżommhom sħaħ

F’għalqa
jiena n-nuqqas
ta’ għalqa.
Dan huwa
dejjem il-każ.
Inkun fejn inkun,
jien dak li huwa nieqes.

Meta nimxi
nofroq l-arja
u dejjem
l-arja tidħol
biex timla l-ispazji
mnejn għadda ġismi.

Ilkoll għandna r-raġunijiet tagħna
biex nimxu.
Jien nimxi
biex l-affarijiet inżommhom sħaħ.

Posted in Uncategorized | Tagged , , , | Leave a comment

Lejl 24 (Insomnja)

insomnia2Wara ġimgħa bla rqad u bla kitba, l-insomnja tkellmet waħedha. Hemm leġġenda Ġappuniża li tgħid li, meta ma tkunx tista’ torqod, ikun għax dak il-ħin, xi mkien, hemm xi ħadd qed joħlom bik. Leġġenda sabiħa, imma ma naħsibx li hu l-każ. U jien stess, li bilkemm qed norqod, ilni ħafna ma noħlom, jekk mhux b’għajnejja miftuħa.

Il-poeżija t’hawn isfel jisimha Lejl 24, għax parti minn sensiela bl-isem 40 Jum. Poeżiji ta’ bi nhar dwar il-mixi u l-penitenza, poeżiji ta’ bil-lejl fejn inkellem lill-iħirsa wieħed wieħed, l-iktar dawk tat-tfulija li sena ilu reġgħu tfaċċaw, iżda mhux biss. Triq twila lejn il-maħfra u l-ħruġ mid-dipressjoni. Tgħallimt ħafna b’li ktibt s’issa, imma baqagħli xi nterraq.

Lejl 24

Sagħtejn. Tlieta. Tliet kwarti. Siegħa u nofs.
Daqshekk irqadt dil-ġimgħa. Illum saqajja
riedu bilfors jitqaċċtu mill-qasbtejn
ħa jimxu bla ma jġorru l-piż ta’ demmi;
spallejja waqfu joħolmu bil-ġwienaħ,
ħormana għall-ewwel mitraħ li jitfaċċa
ikunx taċ-ċagħaq, tax-xewk, anki tal-għadam;
għajnejja mxawta waħwħu biex jinqalgħu
sħaħ minn ġo ħofrithom u dritt għall-friża,
ħa joħolmu sa tasal ir-rebbiegħa
bid-dewbien fir-ragħwa ta’ baħar xiħ.

U llejla rġajna – għajnejja fuq is-saqaf
isegwu d-dlamijiet ireddnu jreddnu
man-nokkli tas-sħaħar libsin imqaċċta
jgħawġu l-vokali ma’ kull daħqa ħelwa
tidwi mal-erbat ikmamar tal-qalb.
Hemm dil-leġġenda Ġappuniża tgħid
li meta ma tkun tista’ torqod b’xejn
ikun għax tkun imqajjem f’ħolm ħaddieħor –
żgur mhux il-każ, sakemm mhijiex toħlomna
f’xifer l-irdum imxewwek tal-Imnajdra
b’idejha marbutin forma ta’ qalb
resqin inkiss inkiss minn wara dahri
appik li jimbuttawni b’eleganza
għal fuq it-tifrik t’għadmi isfel nett.

Jekk dan xi kastig, jekk jogħġbok, nitolbok,
ieqaf, ħa norqod! Iva, il-messaġġ ħadtu,
għada promise to Jesus nieqaf noħlom
bid-dawl t’għajnejk jilqgħuni fuq it-taraġ,
bid-dawl t’għajnejk jidħquli f’tarf il-Wied,
bid-dawl t’għajnejk fuq din il-ġerħa tħaddar
fuq sidri li berraħtlek kmieni wisq,
bid-dawl t’għajnejk jistkerrhu l-ittri t’ismi
ikun xi jkun il-kliem li jidher taħtu,
bid-dawl t’għajnejk l’ormaj umbraw għal għomri
id-dell t’għajnejja mdendla b’xahrejn ngħas.

Ieqaf, nitolbok, ħa norqod u noħlom
b’wiċċi jdub ftit ftit fir-ragħwa tal-bajja
sa jixxejjen max-xefaq biex qatt aktar
ma nġib quddiem għajnejja d-dawl t’għajnejk.

leggenda Gappuniza

Posted in Uncategorized | Tagged , , | Leave a comment